Mill-inqas 21 Lingwa Ewropea huma f’Periklu ta’ Estinzjoni Diġitali
Studju mill-esperti Ewropej ewlenin tat-teknoloġija lingwistika jwissi li hemm periklu li l-maġġoranza tal-lingwi Ewropej jintilfu fl-era diġitali
Il-maġġoranza tal-lingwi Ewropej jiffaċċjaw estinzjoni diġitali, skont studju ġdid mill-esperti Ewropej ewlenin tat-Teknoloġija Lingwistika. Permezz ta’ evalwazzjoni tal-appoġġ teknoloġiku għal madwar 30 mit-80 lingwa fl-Ewropa, l-esperti jikkonkludu li 21 minn dawn ma għandhom ebda appoġġ diġitali, jew inkella għandhom appoġġ dgħajjef ħafna. L-istudju sar fi ħdan il-META-NET, netwerk Ewropew ta’ eċċellenza li huwa magħmul minn 60 ċentru ta’ riċerka fi 34 pajjiż.
L-istudju, magħmul minn aktar minn 200 espert u ddokumentat fi 30 volumi tas-Serje White Paper ta’ META-NET (disponibbli kemm online kif ukoll f’verżjoni stampata), jevalwa l-appoġġ tat-teknoloġija lingwistika għal kull lingwa f’erba’ oqsma differenti: it-traduzzjoni awtomatika, l-interazzjoni permezz tat-taħdit mitkellem, l-analiżi tat-testi u d-disponibbiltà ta’ riżorsi lingwistiċi. Total ta’ 21 mit-30 lingwa (70%) ġew ikklassifikati fil-grad l-aktar baxx, li jindika “Appoġġ dgħajjef jew ineżistenti” mill-inqas f’wieħed mill-erba’ oqsma. Għadd ta’ lingwi, fosthom l-Islandiż, il-Latvjan, il-Litwan u l-Malti, ġew ikklassifikati f’dan il-grad baxx f’mill-inqas tlieta mill-oqsma. Fl-estrem l-ieħor, filwaqt li ebda lingwa ma kellha l-grad “eċċellenti”, l-Ingliż biss ġie klassifikat bħala lingwa b’”appoġġ tajjeb”. Warajha hemm lingwi bħall- Olandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, it-Taljan u l-iSpanjol b’ “appoġġ moderat”. Lingwi bħall-Bask, il-Bulgaru, il-Katalan, il-Grieg, l-Ungeriż u l-Pollakk għandhom “appoġġ frammentat”, u b’hekk jinsabu fost dawk il-lingwi li għandhom riskju għoli.
“Ir-riżultati tal-istudju tagħna huma mill-aktar allarmanti. Il-maġġoranza tal-lingwi Ewropej huma ibagħtu severament minn nuqqas ta’ riżorsi u xi wħud minnhom huma kważi kompletament ittraskurati. F’dan is-sens, ħafna mill-lingwi tagħna ma għandhom ebda garanzija għall-futur.”, jgħid Prof Hans Uszkoreit, koordinatur tal-META-NET, direttur xjentifiku fid-DFKI (Ċentru Ġermaniż tar-Riċerka għall-Intelliġenza Artifiċjali) u ko-editur tal-istudju. Il-ko-editur l-ieħor tal-istudju, Dr Georg Rehm (DFKI), żied jgħid: “Hemm differenzi drammatiċi fl-appoġġ tat-teknoloġija lingwistika bejn il-lingwi Ewropej differenti, kif ukoll bejn oqsma differenti tat-teknoloġija. Id-differenza bejn il-lingwi ‘kbar’ u ‘żgħar’ qed tkompli tiżdied. Irridu niżguraw li aħna ngħammru l-lingwi iżgħar u dawk b’nuqqas ta’ riżorsi bit-teknoloġiji bażiċi meħtieġa, inkella dawn il-lingwi huma destinati għall-estinzjoni diġitali.”
Il-qasam tat-teknoloġija lingwistika jipproduċi software li jista’ jipproċessa l-lingwa mlissna jew miktuba tal-bniedem. Eżempji ta’ software tat-teknoloġija lingwistika li huma magħrufin sew jinkludu l-korrezzjoni ortografika u grammatika, assistenti personali interattivi fuq smartphones (bħal Siri fuq l-iPhone), sistemi ta’ djalogu li jaħdmu permezz tat-telefown, sistemi awtomatiċi ta’ traduzzjoni, magni tat-tiftix fuq l-internet, u l-vuċijiet sintetiċi użati fis-sistemi tan-navigazzjoni tal-karozzi. Is-sistemi ta’ teknoloġija lingwistika tal-lum primarjament jużaw metodi statistiċi li jeħtieġu ammonti kbar ħafna ta’ data miktuba jew mitkellma. Huwa diffiċli biex jinkisbu l-kwantitajiet meħtieġa ta’ data, speċjalment għal lingwi li għandhom relattivament ftit kelliema. Barra minn hekk, il-kwalità tas-sistemi tat-teknoloġija lingwistika bbażati fuq l-istatistika għandha l-limiti inerenti tagħha, kif jidher, per eżempju, fit-traduzzjonijiet maħluqa minn sistemi tat-traduzzjoni awtomatika online, li ta’ spiss ikunu inkorretti jew saħansitra tad-daħk.
L-Ewropa rnexxielha tneħħi kważi l-fruntieri kollha bejn il-pajjiżi tagħha. Iżda l-fruntieri inviżibbli maħluqa mill-barrieri lingwistiċi jkomplu jostakolaw l-iskambju ta’ għarfien u informazzjoni. Jikkompromettu wkoll l-iżvilupp ta’ suq wieħed diġitali, minħabba li jostakolaw il-moviment ħieles ta’ merkanzija, prodotti u servizzi. Anki jekk it-teknoloġija lingwistika għandha l-potenzjal biex tnaqqas jew saħansitra telimina ostakli lingwistiċi permezz ta’ sistemi tat-traduzzjoni awtomatika u għodod relatati, ir-riżultati tal-istudju META-NET juru b’mod ċar li ħafna mill-lingwi Ewropej għadhom mhumiex lesti għal dan. Hemm nuqqasijiet kbar fit-teknoloġija minħabba l-emfasi fir-riċerka fuq l-Ingliż, minħabba nuqqas ta’ impenn u ta’ riżorsi finanzjarji, u wkoll nuqqas ta’ riċerka u viżjoni ċara tat-teknoloġija.
Huwa kruċjali li jkun hemm sforz fuq skala kbira fl-Ewropa għall-ħolqien tat-teknoloġiji neqsin, kif ukoll għat-trasferiment ta’ teknoloġija għall-maġġoranza tal-lingwi. Hemm bosta raġunijiet għala din l-isfida kbira għandha tiġi ffaċċjata permezz ta’ sforz tal-komunità li jinvolvi l-Unjoni Ewropea, l-istati membri tagħha u pajjiżi assoċjati, kif ukoll l-industrija. Dawn ir-raġunijiet jinkludu l-piż finanzjarju għoli per capita għall-komunitajiet tal-lingwi iżgħar; it-trasferiment meħtieġ ta’ teknoloġiji bejn il-lingwi; in-nuqqas ta’ interoperabbiltà ta’ riżorsi, għodod, u servizzi; u l-fatt li l-fruntieri lingwistiċi ta’ spiss mhmhiex għal kollox identiċi mal-fruntieri politiċi.
L-Ewropa għandha tieħu azzjoni biex tħares il-lingwi tagħha fl-era diġitali. Dawn jagħmlu parti important mill-wirt kulturali tagħna u għaldaqstant, jistħoqqilhom ‘future proofing’. Fis-26 ta’ Settembru, il-Kunsill tal-Ewropa jimmarka l-Jum Ewropew tal-Lingwi, jum li jirrikonoxxi kemm huwa important li l-wirt għani kulturali u lingwistiku tal-kontinent tagħna jiġi mħares u żviluppat. Ix-xogħol ta’ META-NET iservi biex niftakru fl-isfidi u l-possibbiltajiet li qed jiffaċċja l-wirt lingwistiku tagħna fl-era diġitali.
Teknoloġija Lingwistika: Sfond
It-teknoloġija lingwistika diġà tappoġġjana fil-ħidmiet ta’ kuljum, bħal meta niktbu email jew nixtru biljett. Aħna nibbenefikaw mit-teknoloġija lingwistika jekk infittxu paġni fuq l-internet u nittraduċuhom, jekk nużaw għodod għal-iċċekkjar tal-ortografija u tal-grammatika f’xi word processor, jekk noperaw ir-radju tal-karozza jew il-mowbajl tagħna permezz ta’ kmand mitkellmin, jekk ningħataw rakkomandazzjoni f’xi ħanut online tal-kotba, jew jekk insegwu l-istruzzjonijiet mitkellma minn app tan-navigazzjoni. Fil-futur qarib, se nkunu nistgħu nitkellmu mal-programmi tal-kompjuter kif ukoll mal-magni u l-apparat, inklużi r-robots tas-servizz tant mistennija, li dalwaqt se jidħlu fid-djar u l-postijiet tax-xogħol tagħna. Kull fejn aħna, meta għandna bżonn informazzjoni, se nkunu nistgħu sempliċiment nistaqsu għaliha u, meta għandna bżonn l-għajnuna, se nitolbuha b’leħen għoli. It-tneħħija tal-barriera tal-komunikazzjoni bejn in-nies u t-teknoloġija se tibdel d-dinja tagħna.
It-teknoloġija lingwistika hija ġeneralment rikonoxxuta llum bħala wieħed mill-oqsma tat-tkabbir ewlenin fl-informatika. Korporazzjonijiet internazzjonali kbar bħal Google, Microsoft, IBM, u Nuance investew ħafna f’dan il-qasam. Fl-Ewropa, mijiet ta’ intrapriżi żgħar u medji huma speċjalizzati f’ċerti applikazzjonijiet jew servizzi tat-teknoloġija lingwistika. It-teknoloġija lingwistika tippermetti lin-nies biex jikkollaboraw, jitgħallmu, jagħmlu n-negozju, u jqassmu għarfien bejn il-fruntieri lingwistiċi u indipendentement mill-ħiliet tagħhom fuq kompjuter.
Is-Serje ta’ White Papers tal-META-NET
Is-serje ta’ White Papers tal-META-NET “Lingwi fis-Soċjetà tal-Informazzjoni Ewropea” tirrapporta dwar l-istat ta’ 30 lingwa Ewropea fir-rigward tat-Teknoloġija Lingwistika u tispjega r-riskji l-aktar urġenti u l-opportunitajiet. Is-serje tkopri l-lingwi uffiċjali kollha tal-Istati Membri tal-UE u lingwi oħra mitkellma fl-Ewropa. Filwaqt li kien hemm għadd ta’ studji xjentifiċi ta’ valur dwar ċerti aspetti tal-lingwi u t-teknoloġija, s’issa ma kien hemm ebda kompendju ġeneralment rikonoxxut li jippreżenta s-sejbiet ewlenin u l-isfidi għal kull lingwa fil-mixja lejn Ewropa multilingwi, magħquda permezz tat-teknoloġija. Is-serje ta’ White Papers tal-META-NET timla dan il-vojt. META-NET tinsab f’pożizzjoni biex tispjega għala l-biċċa l-kbira tal-lingwi jiffaċċjaw problemi serji, kif ukoll biex tindika n-nuqqasijiet l-aktar perikulużi. B’kollox, aktar minn 200 awtur u kontributur għenu biex jippreparaw il-White Papers dwar il-Lingwi.
Il-white papers kienu miktuba għal dawn il-lingwi Ewropej: il-Bask,il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Galizjan, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Islandiż, il-Katalan, il-Kroat,il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, in-Norveġiż (bokmål u nynorsk), l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Serb, is-Slovakk, is-Sloven, l-iSpanjol, is-Svediż, it-Taljan u l-Ungeriż. Kull White Paper hija miktuba fil-lingwa li tirrapporta fuqha u tinkludi traduzzjoni bl-Ingliż kompluta.
Dwar META-NET u META
META-NET, Netwerk ta’ Eċċellenza magħmul minn 60 ċentru ta’ riċerka f’34 pajjiż, huwa ddedikat għall-bini tal-pedamenti teknoloġiċi b’risq soċjetà ta’ informazzjoni multilingwi Ewropea. META-NET huwa ko-finanzjat mill-Kummissjoni Ewropea permezz ta’ erba’ proġetti.
META-NET huwa magħmul mill-META, il-Multilingual Europe Technology Alliance (Alleanza Ewropea għat-Teknoloġija Multilingwi). Aktar minn 600 organizzazzjoni minn 55 pajjiż, inklużi ċentri ta’ riċerka, universitajiet, kumpaniji żgħar u medji kif ukoll intrapriżi kbar diversi, diġà ssieħbu ma’ din l-alleanza miftuħa tat-teknoloġija.